Stqarrija konġunta bejn il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, l-GRTU u l-Kamra tal-Ispiżjara

Jiġi ffirmat ‘Service Level Agreement’ bejn il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, il-GRTU u l-Kamra tal-Ispiżjara li qed jistipula l-livell ta’ servizz li jrid jingħata permezz tal-POYC. Dan il-ftehim se jkompli jevolvi u jagħti empowerment lill-ispiżjara u b’hekk inaqqas il-ħtieġa tal-amminstrazzjoni ċentrali minn naħa tal-Gvern.  L-ispiżjara se jibew jamministraw huma l-istock tal-mediċini tagħhom u għalhekk jkun hemm aktar kontroll tal-mediċini biex tonqos il-ħela, tizdied l-effiċjenza u l-mediċini –out-of-stock jkomplu jkunu kkontrollati.

Il-ftehim li kien iffirmat llum se jwassal ukoll biex il-Memorandum of Understanding li kien ffirmat fl-2007, u li fuqhu kienet ibbażata l-POYC, jiġi estiż sal-2019. Il-ftehim issa jaħseb ukoll biex l-ispiżjar iwassal il-mediċini għall-anzjani fi djarhom.

Għalhekk dan is-‘service level agreement’ huwa pass ieħor fis-sistema tal-POYC biex il-pazjent ikun fiċ-ċentru tas-servizz tas-saħħa, u li se jwassal biex tiżdied l-effiċjenza ta’ dan is-servizz. Il-POYC minnha nnifisha kienet pass tajjeb li ressqet lill-anzjani u lil dawk li huma intitolati għall-POYC eqreb tal-ispiżjar tagħhom. Iżda kien jeħtieġ li nħarsu lejn is-servizz li seta’ jiġi mogħti lill-anzjani tagħna. Il-Gvern f’dawn l-aħħar sentejn ħadem fuq diversi prijoritajiet biex il-POYC tkun effiċjenti, jonqsu l-mediċini out-of-stock li llum huma anqas minn ħamsa u li servizz tal-POYC jqarreb aktar l-ispiżjar u l-anzjani fi djarhom.

Dan is-servizz se jibda fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla u se jkun offrut lill-anzjani ta’ 70 sena-l fuq u se jibda f’Raħal Ġdid u r-Rabat. Dan se jsir biex il-POYC flimkien mal-ispiżjara janalizzaw is-servizz offrut u jtejbu fejn ikun meħtieġ. Wara erba’ xhur dan is-servizz se jkun qed jiġi offrut f’aktar lokalitajiet.

Il-ftehim se jwassal biex l-ispiżjara jkabbru l-operat tagħhom u għalhekk il-Gvern se jkun qed joffri tax credits lill-ispiżeriji li huma parti mill-POYC biex jivestu fl-infrastruttura u fir-riżors uman tagħhom.

Il-Gvern jemmen li l-ispiżjara tagħna, bil-pariri tagħhom jistgħu jgħinu biex il-pazjenti jsegwu aħjar l-istruzzjonijiet li jingħatawlhom bir-reqqa u biex jiġu individwati dawk il-pazjenti li għandhom bżonn tibdil fit-trattamenti tagħhom. Barra min hekk, permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun hemm aktar użu razzjonali tal-medicini, biex titnaqqas il-ħela, fatt li jgħin biex il-Gvern ikollu aktar riżorsi biex ikompli jinvesti u jsaħħaħ il-qasam tas-saħħa.

Dan il-ftehim qiegħed jissiġilla l-evoluzzjoni tas-sħubija li l-Kamra Tal-Ispiżjara u l-GRTU għandhom mal-Gvern fil-proviżjoni tas-servizzi farmacewtiċi fil – komunità. Dan il-ftehim se jwassal biex verament il-pazjent ikun fiċ-ċentru tal-politika tas-saħħa ta’ pajjiżna.

Il-Gvern jirringrazzja lill-GRTU, lill-Kamra Tal-Ispiżjara, lill-POYC u lil kull min kien involut biex dan il-ftehim jintlaħaq għall-ġid tal-pazjenti tagħna.